published on
Logħba Ċess
JAMM Band
Kliem u Mużika: Mark Cachia
Hekk kif tibda l-għodwa, f’kamartu jkun għall-kwiet
Iżebbeġ fil-pedini, mitluf fil-ħsibijiet
U dlonk tasal iż-żjara, li jistenna kien bil-biża’
Hu tbissem b’ironija, għax ħaseb li kien ħelisha.
Wara li poġġew bilqiegħda, faċċata ta’ xulxin
U beda jarma l-mejda, bla ebda telf ta’ ħin
Hu għajjat, “Jiena bl-abjad, għax miegħu jien konness”
B’hekk l-ieħor qabad l-iswed, hekk bdiet il-logħba ċess
Bil-pedina bajda f’idu, hu għamel l-ewwel pass
U mossa wara mossa, it-tensjoni bdiet tinħass
It-torri l-abjad ħa pedina, biex kixef kavallier
L-isqof iswed pattihielu, u ħadu priġunier.
Taf li ser nirbaħlek… il-barrani qal fil-pront
Biss hu ma tahx risposta, u s-sikta mliet l-isfond
hemm moħħu beda jehwden, għalkemm hu żamm is-skiet
li kieku seta’ jgħajjat, kien jgħid dawn il-ħsibijiet:
“Le, illum ma tirbaħlix
Ser nuża saħħti kollha u żgur li ma nċedix
Tajjeb kemm int tajjeb, xi żball ser tagħmel żgur
Forsi tgħinni x-xorti u r-rebħa tiegħi tkun”
Bil-logħba ċess tissokta, it-tnejn ’l huma mħassbin
Moħħhom biss biex jirbħu, jissieltu ma’ xulxin
L-isqof abjad qasam mejda, biex kixef lir-reġina
Biss din indunat b’ kollox, u staħbiet wara pedina.
Il-mejda bdiet tinkixef, il-biċċiet bdew dejjem jonqsu
Bil-logħba tiħrax aktar, lir-re jippruvaw jonsbu
Ir-re iswed mimli biża’, r-reġina bajda ma’ saqajh
Bil-kuraġġ beda jimtela, ħass li Alla qiegħed warajh
U “Le, illum ma tirbaħlix...
Fis-saħna ta’ dil-logħba, dlonk irreallizzaw
Li jdumu kemm idumu, ma jistgħux din jispiċċaw
Jekk l-iswed jagħmel nassa, l-abjad jaħrab minnufih
B’hekk il-mossi jirrepetu u ħadd mhu ħa jkun rebbieħ
Il-barrani rvilla, dil-ħaġa qatt ma ġrat
Imbagħad sabbat il-mejda, għax ħassu ddisprat
U b’hekk hu qam bilwieqfa, rassenjat li ma rebaħx
Imbagħad reġa’ għamel l-arja, bħallikieku ma jimpurtahx… u qallu:
“Le, illum ma rbaħtlekx
Għamilt li kelli nagħmel iżda lilek ma kissirtekx
Jekk illum jien ma stajtx nirbaħ, u l-mewt inti żgiċċajt
Għada nerġa’ niġi nżurek, ġurnata oħra ggwadanjajt.
U l-mewt mill-kamra ħarġet, u f’kamartu baqa’ għall-kwiet
Biss jaf li għada jasal, u jaħseb qagħad fis-skiet
Għalkemm illum hu ġietu tajba, żamm sod u ma feraħx
Għax jaf li fl-aħħar tiegħu għad tasal u mal-mewt int ma tirbaħx.